Għodod Elettroniċi għall-Malti

MAL1048 Għodod Elettroniċi għall‑Qari tal‑Provi tal‑Malti


Illum il-ġurnata l-qarrej tal-provi x’aktarx jaħdem fuq test oriġinali b’format elettroniku. Għandna bosta mezzi li jistgħu jiswewlu f’dan ix-xogħol, imma l-esperjenza turi li mhux kulħadd ikun infurmat u midħla tagħhom. F’din it-taqsima jiġi spjegat kif jaħdmu dawn l-għodod u x’vantaġġi għandhom. Tiġi diskussa wkoll il-problema tal-kitba tal-ittri Maltin u l-inkompatibilitą ta’ xi sistemi. Permezz ta’ għadd ta’ sigħat fil-laboratorju tal-kompjuter, l-istudenti jitħarrġu fil-korrezzjoni ta’ testi elettroniċi.

X'hemm fuq il-Blogg
X'hemm fuq YouTube

Il-parir tal-ġurnata...

Jekk qed taħdem ma’ ħaddieħor, niżżel l-inizjali tiegħek fuq il-prova li qed tiċċekkja. Biddel ta’ spiss ir-rutina ta’ xogħlok. Ara li l-marki li tagħmel fuq il-kopja jkunu ċari u jinqraw sew. Jekk ktibt id-dokument int, qabbad lil xi ħaddieħor jiċċekkjah għalik: par għajnejn friski jistgħu josservaw żbalji li jiskappaw lilek. Aħdem fuq skrivanija ordnata! L-imbarazz jiddistrak! Ibda l-qari tal-provi meta tkun frisk u kkonċentrat. Jekk għandek bżonn tiċċekkja dokument li ktibt inti stess, itilqu għal ftit jiem, biex tinsa dak li tkun ktibt. Dejjem żomm l-għodod tiegħek viċin: dizzjunarju, teżawru, eċċ. Iddixxiplina ruħek u fassal rutina. Il-qari tal-provi huwa biċċa xogħol serja, mhux xi ħaġa li tista’ ddeffes meta ssib ħin. Tħallix min ifixklek. Ingħalaq xi mkien. Ara li tal-familja jkunu jafu l-iskeda tiegħek u f’liema ħin tal-ġurnata m’għandhomx ikellmuk. Tweġibx telefonati dak il-ħin. Strieħ minn żmien għal ieħor u ta’ spiss. Dan jgħinek tirrilassa u tikkonċentra aktar. Aqsam ix-xogħol f’partijiet iżgħar. Iddeċiedi kemm għandek tkopri fi żmien partikolari, u ieqaf hemm. Iċċekkja dokument mill-anqas darbtejn – darba għall-aspett tekniku u darba għas-sens. Biex taqbad l-iżbalji aqra d-dokument b’lura biex is-sens tat-test ma jiddistrakx. Immarka b’kuluri jgħajtu ħalli jidhru sew. Jekk qed taħdem ma’ xi ħadd ieħor fuq dokument, użaw kuluri differenti biex tiddistingwu x-xogħol ta’ xulxin. Poġġi marki fil-marġini u spjega sew x’inhu l-iżball. Immarka t-test sew fejn isir l-iżball. Jekk għandek dokument b’tipa żgħira, kabbru b’fotokopja. Test kbir jidher aħjar u tista’ timmarkah aħjar. Aħdem fuq fotokopja, u kkopja l-korrezzjonijiet fuq il-kopja proprja wara li tkun ċert li kollox huwa sewwa. Immarka kull paġna fejn hemm żbalji ħalli jinstabu malajr. Immarka sew verżjonijiet differenti tal-provi, ħalli tkun ċert li dejjem tkun qed taħdem fuq l-aktar aġġornati. Idealment aħdem ma’ xi ħadd ieħor: wieħed jaqra mill-oriġinal u l-ieħor jikkonferma l-prova. Jekk hemm matematika x’tinħadem, iċċekkjaha għall-iżbalji, jew qabbad lil min jiċċekjahielek. Fejn hemm simboli xjentifiċi iċċekkjahom sew, jew qabbad lil min jifhem aktar minnek biex jiċċekkjahom. Ħares sew lejn truf il-vrus: ara hemmx xi kliem irrepetut minn vers għal ieħor; iċċekkja singijiet tal-artiklu, eċċ. Attent għall-gruppi sħaħ ta’ żbalji: filli m’hemm xejn, filli jitfaċċaw ħafna f’salt wara xulxin. Żbalji tal-ittajpjar: ‘3’ minflok ‘€’, kliem ittajpjat kollu bil-kapitali minflok l-ewwel ittra biss, eċċ. Tħallix vrus waħedhom fil-quċċata jew f’qiegħ ta’ paġna (windows u orphans). Fejn hemm ismijiet u indirizzi: iċċekkjahom ħalli tara li huma korretti. Numri tat-telefown: l-aħjar mod li tara li huma korretti huwa li ċċempilhom! Attent għal kliem qasir. Kliem twil huwa aktar faċli li jaqbeż minn wiċċ il-paġna, kliem qasir iktar diffiċli. Titoli u sottotitoli jistgħu jaħarbulek għax tikkonċentra iktar fuq it-test ewlieni. Hemm ukoll jista’ jkun hemm l-iżbalji. Captions għall-illustrazzjonijiet: ara li mhux biss huma korretti, imma li jkunu mal-illustrazzjoni t-tajba wkoll. Stampi, ritratti, disinji, dijagrammi: jekk hemm bżonn iċċekkja dawn għalihom separati mid-dokument. Ara li huma sewwa u li ma jkunux rashom ’l isfel. Il-werrej ġenerali: ara li l-paġinazzjoni ta’ kull kapitlu fil-fatt taqbel mal-paġna fejn jibda l-kapitlu. Werrej analitiku (indiċi): ara li l-paġinazzjoni ta’ kull element fil-fatt taqbel mal-paġna/paġni fejn jinsab dak l-element. Referenzi: iċċekkjahom sew mas-sors. Dejjem iċċekkja li l-bidu ta’ kapitlu jkun fuq paġna leminija (paġinazzjoni farrada). Sistemi numeriċi: ara li n-numri fil-fatt huma wara xulxin u li m’hemmx xi numru maqbuż. Xaqlib tat-test fuq il-paġna u f’kolonni. Ara li t-test jidher sew u f’postu. Jekk qed taħdem fuq prova stampata, ara anki l-qoxra u l-ispina tal-ktieb. Dawn ġeneralment jinħadmu għalihom. L-orjentazzjoni tal-illegar. Ara li l-marġini tal-paġni jirriflettu x-xaqliba kif suppost. Il-marġini l-wiesa’ tal-paġna fuq il-lemin għandu jkun fuq ix-xellug, u viċi versa. Tieħu xejn b’ċert. Iddubita l-inqas ħaġa. Punteġġatura mżewġa bħal parentesi u virgoletti: ara li hemm tal-ftuħ u tal-għeluq, u li jkunu f’posthom. Ara li t-tipa hija konsistenti: jekk it-test jibda bi stil regolari, baqa’ hekk sal-aħħar? Jekk it-tipa hija ta’ ċertu daqs, dan id-daqs inbidel f’nofs id-dokument? Ara li l-istil tat-tipa jaqbel mal-istyle sheet li jipprovdi l-pubblikatur. Kun ċert li l-virgoletti jkunu jidhru tal-ftuħ u tal-għeluq (smart quotes). Qegħdin jintużaw xi trade marks fid-dokument? Jekk iva, dawn huma rikonoxxuti fil-paġna tal-ħajr? Ara li ma jkunx hemm ksur ta’ copyright, u li jkun hemm referenza xierqa għalihom fil-paġna preliminari tad-dokument. Ara sew il-headers u l-footers tad-dokument. Huwa faċli li tinsa dawn meta tkun qed tikkonċentra fuq it-test ewlieni. Jekk hemm footnotes, ara li dawn huma nnumrati sew u li qed jaqblu mar-referenza fit-test. Taqsir ta’ kliem u abbrevjazzjonijiet. Ara li l-ewwel darba li dawn jidhru fid-dokument ikunu spjegati sew. Fittex fejn hemm spazji żejda, speċjalment wara l-punteġġatura. Qatt m’għandu jkun hemm aktar minn spazju wieħed. Tipa Maltija: ara li ma jkunx hemm tibdil ta’ ittri speċjalment fejn jidħlu c, ċ, g, ġ, h, ħ, z u ż. Tipa Maltija: ara li ma jaħarbulekx il-vokali aċċentati: ą minflok a’, č minflok e’, eċċ. Jekk qed taħdem fuq dokument elettroniku, agħmel kopja tiegħu u aħżen l-oriġinal fuq hard disk jew kompjuter ieħor. Jekk għandek dokument elettroniku bil-Malti li juża t-tipi l-antiki (fonts) tal-Malti, aqlibhom f’tipi moderni li jaħdmu bl-istandard Unicode jew UTF-8. Meta taħdem fuq dokument elettroniku, ftakar tissettja l-operating system u l-word processor għall-Malti qabel ma tibda taħdem. Jekk ikollok taħdem fuq dokument elettroniku uża t-Track Changes u l-kummenti ħalli tiffaċilita x-xogħol lilek u lill-klijent tiegħek meta tiġu biex tiddiskutu t-tibdiliet fid-dokument.

HTML link VLE tal-Universitą

HTML link Dipt. tal-Malti (Universitą)

HTML link Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti


Grupp Google Grupp Qarrejja tal-Provi

Paġna FaceBook Għaqda Qarrejja tal-Provi

HTML link Qarrejja tal-Provi kwalifikati


HTML link Korpus tal-Malti (MLRS)
HTML link Il-Ġabra
HTML link Ċekkjatur tal-Malti


HTML link Society for Editors & Proofreaders

HTML link Simboli tal-qari tal-provi (Interactive Training Ltd)


Paġna FaceBook KelmaKelma


Materjal oriġinali © Norman C. Borg, 2009-2016
Sit elettroniku: verżjoni 2.8 | L-aħħar aġġornament: 15.10.2016