Aktar


L-Astrofittiexa:
L-Ewwel Vjaġġi

Mostri aljeni, gurilli li jitkellmu, dniefel li jsuqu vetturi spazjali u robots li għandhom ruħ.
Tista' tkun fantaxjenza iktar minn hekk?

Peter Busuttil huwa tifel ta' tnax-il sena li jagħmel parti miċ-ċorma ta' astrofittiex, vettura spazjali kbira. Xogħol l-astrofittiex hu li jivjaġġa minn stilla għal oħra, jgħarbel dawk l-inħawi tal-univers li huma ftit li xejn magħrufa, u jiltaqa' ma' ħlejjaq minn dinjiet oħra biex jagħmlu l-kummerċ mad-dinja tagħna.

Din hija ġabra ta' stejjer qosra li kienet dehret oriġinarjament fir-rivista Sagħtar.

L-avventuri ta' Peter:
Il-Borra l-Qerrieda
Il-Fjuri ta' Grenda
L-Isqra ta' Makjon
Il-Ħarba ta' Gamma
Il-Piramidi ta' Ikarus
Dawk l-Imbierka Wakiti
Il-Mostru ta' Megalos
Il-Gaġġa ta' Krodon

L-ewwel avventuri għandhom jidhru lejn l-aħħar ta' Awwissu 2012.

Drittijiet tal-Awtur © 2013 Norman C. Borg

kotbafilbut@gmail.com

Għaliex 'Kotba fil-But'?

 Għala 'Kotba fil-But'?

Ħafna mill-kotba f'din is-sensiela huma qosra, imma mhix din ir-raġuni għaliex iddeċidejt li nsejjaħ is-sensiela 'Kotba fil-But'.

Dawn huma kotba elettroniċi - ebooks - u għalhekk tista' tniżżilhom fuq il-kompjuter tiegħek id-dar, fuq it-tablet jew saħansitra fuq l-ismartphone tiegħek. U jekk għandek tablet jew smartphone, mela allura tista' ddaħħalhom ġol-but! U kemm tista' ddaħħal? Mijiet! It-tablet jew l-ismartphone tiegħek jistgħu jesgħu mijiet ta' kotba!

Qed ngħid... aħjar semmejt is-sensiela Librerija fil-But, minflok!

Insomma, permezz tal-apparat elettroniku li għandek u ta' din is-sensiela, għandek skuża oħra biex tkun tista' taqra ftit bil-Malti!

 Sensiliet ta' kotba differenti

Għalissa qiegħed naħdem fuq ħrejjef mistħajla, għalhekk tista' tara biss kotba mis-sensiela STEJJER fil-But. Imma aktar 'il quddiem nittama li nkun nista' nġibilkom kotba dwar suġġetti differenti, mhux stejjer biss.

 Kif nagħmel biex nibda naqra?

Kull Ktieb fil-But elettroniku li joħroġ se jkollu żewġ ħoloq: waħda biex 'idduq' l-istorja - taqra l-ewwel ftit paġni. Jekk dak li taqra jħajrek tkun trid tkompli l-ktieb, tista' tmur fuq il‑ħolqa l‑oħra biex tixtrih. Il-prezz tal-kotba mhux għoli ħafna. Attent! Ftakar li biex tixtri xi ħaġa minn fuq l-internet għandek bżonn bilfors l-għajnuna tal-ġenituri!

Malli tixtrih online tkun tista' tniżżlu fuq il-kompjuter, tablet jew mobile tiegħek. Il-format tal-ktieb huwa l-istess għal kull tip ta' apparat. Jekk m'intix ċert l-apparat tiegħek jistax juri l‑ktieb, iċċekkja l-lista hawn.

 Nista' nistampa l-ktieb elettroniku?

Dażgur! Jekk tniżżel il-ktieb fuq kompjuter jew laptop li huwa mqabbad ma' printer tista' tagħmel dan faċilment.

  Nista' nixtri verżjoni stampata tal-ktieb?

Jekk wara li taqrah jogħġbok u tkun trid iżżomm kopja stampata biex tpoġġi fil-librerija tiegħek, tista' tordna l-ktieb ukoll.

Nawguralek li ssib xi ħaġa li togħġbok hawn biex iżżommok taqra, taqra u taqra!!

Fuq